STQARRIJA TAL-KUMMISSJONI AMBJENT TA’ L-ARĊIDJOĊESI
Home
News
News
Press Release
Events
Black Spot
Forum
Have your Say
About Us
Join Us
How can I help?
Articles
Resources
Poetry
Photo Gallery
Links
Contact Us
   

ABBOZZ

UFFIĊĊJU STAMPA

Il-Kurja ta’ l-Arcisqof, Floriana

Tel: 25906203/21241281 Fax: 21242971

XXXX 2008

TQASSIM: MEDIA KOLLHA

MINN            XXXXXXXXXX

REF XXXX

STQARRIJA TAL-KUMMISSJONI AMBJENT TA’ L-ARĊIDJOĊESI

 

L-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar (il-MEPA),

l-Iżvilupp Sostenibbli u r-Responsabblità Politika

Kemm ilha imwaqqfa, l-Kummissjoni Ambjent ta’ l-Arċidjoċesi ta’ Malta dejjem għamlet ħilitha sabiex toffri opinjonijiet ċari dwar l-użu sostenibbli tar-riżorsi ambjentali ta’ Malta. Ispirati mill-prinċipji ta’ l-iżvilupp sostenibbli u l-valuri Evanġeliċi, ipprovajna kemm stajna li noffru l-idejat tagħna għad-diskussjoni pubblika dwar x’għandu jkun żilupp sostenibbli u dwar kif għandna nagħmlu l-għażliet tagħna fuq kwistjonijiet ġenerali (bħall-iżvilupp turistiku u l-immaniġġjar ta’ l-iskart) u dawk partikulari (bħall-iżviluppi fil-Wied tal-Kalkara, l-Estensjonijiet taż-Żoni ta’ l-Iżvilupp, l-użu ta’ l-art, il-kaċċa u l-insib, l-ilma, eċċ). Għamilna dan għax nemmnu bis-sħiħ illi l-ġejjieni tas-soċjetà Maltija (u dan mhux fi kwistjonijiet ambjentali biss) ser jiddependi kompletament fuq kemm ser ikunu għaqlin l-għażliet tagħna illum … għażliet li ser jolqtu lit-tfal tagħna u l-ġenerazzjonijiet ta’ għada.

Matul dawn l-aħħar 15-20, sena saru diversi għażliet fundamentali mis-soċjetà tagħna, speċjalment fejn għandhom x’jaqsmu strutturi amministrattivi, ippjanar u liġijiet. Fl-opinjoni tagħna, ħafna min dawn d-deċiżjonijiet kienu mportanti u pożittivi għall-aħħar, bħal meta twaqqgħu diversi binjiet illegali, iżda oħrajn, bħal meta saru l-estenzjonijiet taż-żoni ta’ l-iżvilupp (2007), kienu negattivi.

Kif stqarrejna kemm-il darba bħala Kummissjoni, l-prinċipji kollha ta’ Żvilupp Sostenibbli jistrieħu fuq ċerti valuri fundamentali li jiżguraw il-ġid komuni ta’ soċjetà ta’ individwi li jridu jgħixu u jiżviluppaw flimkien. Dawn il-valuri jinkludu: is-solidarjetà, il-ġustizzja, l-impenn li nħarsu l-ġid komuni, is-sinċerità u l-integrità, kif ukoll ir-responsabblità ta’ għemilu li kull wieħed irid iġorr. Nemmnu ... u għalhekk ta’ spiss insemmgħu leħinna fuq hekk ... li, aktar u aktar f’pajjiż kattoliku bħal Malta, t-tħaddin tal-valuri Evanġeliċi huma ċentrali għas-suċċess ta’ dan il-proċess. Il-Kummissjoni Ambjenta tagħżel li ssemma’ leħinha minħabba d-dmir li għandha li tkun leħen attiv favur l-ambjent fis-soċjetà Maltija ... akkost li kultant tista’ tkun ikkritikata li qed tiddeffes fil-politika. Il-Kummissjoni, b’risponsabbiltà issostni li hu d-dritt u d-dmir ta’ KULL ċittadin li jieħu sehem attiv fil-politika tal-pajjiż mingħajr ma jdallam l-viżjoni u l-ġudizzju tiegħu b’interessi partiġġani. Għall-grazzja t’Alla il-Kummissjoni dejjem żammet ma’ dan il-prinċipju f’kull intervent li għamlet.

Madanakollu, lkoll nafu li, quddiem il-ġid materjali li wieħed jista’ jikseb mill-isfruttar tar-riżorsi li joffri pajjiżna, l-individwu jista’ jċedi għat-tentazzjoni li jpoġġi l-ġid personali tiegħu u ta’ sħabu qabel dak komuni. Kien għalhekk li fl-1992 twaqqfet l-Awtorità għall-Ippjanar (il-PA) li fl-2002 żviluppat fl-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar (il-MEPA) li filwaqt li tqis l-ambjent naturali, kulturali u arkitettoniku bħala “teżor”:

“... timpenja ruħha bis-sħiħ sabiex l-ippjanar ta' l-użu ta' l-art u l-ħarsien ta' l-ambjent jaqdu l-ħtiġijiet kemm tal-komunità tal-lum kif ukoll tal-ġejjieni. Qed naħdmu biex niżguraw kwalità ta' ħajja li tkun f'armonija ma' l-ambjent naturali, kulturali u mibni kif ukoll biex nagħtu direzzjoni ta’ żvilupp li jħares l-ambjent.” [1]

Bl-iskop li titrawwem “f'kulħadd kuxjenża favur l-ambjent”, hu mistenni li dawk li jaħdmu fl-istrutturi tal-MEPA:

“ ... [j]aħdmu b'għaqal, b’responsabbiltà u b'sens ta' servizz sabiex flimkien, bil-ħila ta' kulħadd, naslu għall-għan aħħari tagħna.1

Biex tkun tista’ twettaq il-missjoni tagħha, il-MEPA ħasset il-ħtieġa li tibni ħidmietha fuq dawn is-sett ta’ valuri:

·   ĦAQQ u ġustizzja b'deċiżjonijiet f'waqthom u fl-infurzar tagħhom b'effiċjenza u trasparenza.

·   IMPENN fil-kisba ta' dak li huwa ta' ġid komuni b'rispett lejn il-fehmiet u x-xewqat tas-soċjeta.

· PROFESSJONALITÀ billi turi ħila u tagħti kont ta' għemilha.

· INTEGRITÀ f'dak kollu li l-Awtorità tgħid u twettaq.”1

Il-MEPA tkompli tistqarr li:

Jekk napplikaw dawn il-valuri b' impenn, inkunu qed naħdmu b'riżq il-ġid komuni, kunċett li jaf in-nisel tiegħu fil-kultura nisranijia li dan il-pajjiż iħaddan.”1

Madankollu, ikunu kemm ikunu tajbin l-intenzjonijiet, kull istituzzjoni mmexxija mill-bnedmin tista’ titfixkel u tinħakem minn prattiċi li jmorru kontra dawn il-valuri essenzjali biex ikun żgurat il-ġid veru tal-komunità. L-esperjenza storika urietna li dan ġara anke lill-istess Knisja meta ħalliet l-interessi politiċi u ekonomiċi tagħha – jew ta’ ħaddieħor ’l barra minnha - jiddettaw l-operat tagħha ... minflok imxiet fuq il-valuri Evanġeliċi.

Sfortunatament, jidher li dawn il-valuri fundamentali mhux dejjem ħarġu fid-dieher fl-operat ta’ l-Awtorità. Fi Frar ta’ l-2002, kien Mons. Arċisqof Ġużeppi Merċieqa stess li emfazizza l-bżonn ta’ valuri sodi fil-ħarsien tal-wirt ambjentali li jmorru lil hinn mill-gwadann ekonomiku.

Mons. Arċisqof tkellem kif tkellem, b’responsabbiltà sħiħa, għax ried jinkuraġġixxi l-miżuri kollha possibbli, bl-għajnuna ta’ dak li tgħallimna l-esperjenza, kien x’kien iż-żmien, biex il-valuri tal-wirt ambjentali ma jispiċċawx fgati mis-saħħa tal-flus.”[2]

Mons. Arċisqof baqa’ jsostni dan kollu anke f‘laqgħa li kellu mal-Bord tal-MEPA.[3]

Il-Kummissjoni Ambjent tħossha fid-dmir li turi t-tħassib tagħha dwar id-diversi każi, li ssemmew dan l-aħħar, fejn l-operat tal-Bord tal-MEPA u dak tad-DCC (Kummissjoni għall-Kontrol ta’ l-Iżvilupp) kien taħt l- iskrutinju ta’ l-Awditur ta’ l-istess Awtorità.

Dawn il-każi jinkludu dak ta’ l-iżvilupp ta’ l-Impjant tar-Riċiklaġġ ta’ l-Iskart ta’ Sant Antnin, Marsaskala; l-iżvilupp ta’ supermarket fil-limiti ta’ Ħal Safi u dak ta’ post għad-divertiment fil-Mistra. Wara li l-Awditur kellu aċċess għad-dokumenti relevanti u nvestiga l-każi kif xieraq, ikkonkluda li jew il-Bord tal-MEPA jew dak tad-DCC ma kienx mexa kif suppost u li l-għażliet li saru għal dawn l-iżviluppi ma kienux ġustifikati u lanqas magħmula fuq raġunar ċar. Fl-istess waqt f’ħafna minn dawn il-każi, irriżulta li l-uffiċċjali tad-dipartimenti konċernati fi ħdan l-Awtorità (dawk ta’ l-Ippjanar u ta’ l-Ambjent) kienu mxew b’mod rett u li kienu dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet li naqsu minn dmirijiethom. Dawn il-konklużjonijiet ta’ l-Awditur għandhom għax jinkwetaw, irrespettivament mit-twemmin politiku tagħhom, lil kull min jgħożż l-wirt ambjentali ta’ pajjiżna.

Jidher ċar … anke minn dak li qalu l-partiti politiċi kollha … li hemm bżonn ta’ tibdil fil-mod ta’ kif topera din l-Awtorità. Iżda rridu noqgħodu attenti li dan it-tibdil ma jkunx wieħed kożmetiku biss. Filwaqt li l-Kummissjoni temmen (u titlob) li min kien ħati ta’ deċiżjonijiet ħżiena jindem u jsewwi dak li għamel, xorta tħoss li l-Awtorità trid tirrinforza b’mod radikali l-mekkaniżmi fi ħdanha li jiżguraw il-ħarsien u tħaddim tal-valuri li twaqqfet għalihom: il-ħaqq, l-impenn, il-professjonalità u l-integrità. Dan ifisser li KULL min kien involut f’abbuż mill-pożizzjoni tiegħu (kien f’liema kariga kien) fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet – kemm jekk ma oġġezzjonax għal dak li kien qed isir jew saħansitra ta’ l-kunsens tiegħu għal dawn l-abbużi - għandu jinżamm responsabbli ta’ għemilu quddiem is-soċjetà u mhux sempliċiment jitneħħa minn kariga u jintbagħat f’oħra qisu qatt ma’ ġara xejn.

Min għandu r-responsabbiltà politika li jiżgura li din l-Awtorità timxi kif suppost irid jinduna u jieħu azzjoni korrettiva fil-pront. Naturalment, jidher li r-rapporti ta’ l-Awditur kienu parti minn dan il-proċess ta’ skrutinju u sa hawn nistgħu ngħidu li dan il-proċess ħadem. Madanakollu, l-Kummissjoni Ambjent temmen li m’għandniex niefqu hawn, u f’ġieh it-trasparenza tiddaħħal mingħajr dewmien il-Whistleblower Act ... punt ieħor li qablu dwarhom il-partiti politiċi kollha.

Irridu niftakru wkoll li sabiex wieħed jasal li jkun responsabbli ta għemilu lejn is-soċjeta, irid jitkommpla l-proċess ta edukazzjoni li qabad tajjeb ħafna maż-żgħar, speċjalment fl-iskejjel tagħna, iżda li għad irid jimmatura sew fost l-adulti f’kull sezzjoni tas-soċjeta, anke f’dawk ta’ livell professjonali.

Kif għamlet drabi oħra, l-Kummissjoni Ambjent tixtieq ukoll tiġbed l-attenzjoni dwar aspett ieħor li ripetutament ħareġ mid-diversi rapporti ta’ l-Awditur tal-MEPA. Ir-rapporti juru li f’ħafna każi r-rapporti tekniċi tal-konsulenti, li jkunu tqabbu mill-iżviluppatur, ma jkunux ħlief apoloġija teknika għall-istess żvilupp aktar mill-analiżi oġġettiva tal-proposta. Filwaqt li dan il-kumment ma japplikax għall-kazi kollha, xorta jibqa’ l-fatt li meta l-konsulenti jintgħażlu u jitħallsu mill-istess żviluppatur ikun hemm il-periklu li xi wħud jinxtraw ... b’nuqqas kbir ta’ etika professjonali u ta’ responsabbiltà soċjali. Għalhekk il-Kummissjoni tissuġġerixxi li tkun l-istess Awtorità li tagħżel dawn il-konsulenti (u mhux sempliċiment taċċetthom wara li jintgħażlu mill-iżviluppatur). Nifmhu li dan is-suġġeriment jista’ jikkomplika l-amministrazzjoni, iżda wasal iż-żmien li din l-anomalija tkun indirizzata bis-serjeta.

Sadanittant, saru diversi suġġerimenti konkreti sabiex il-MEPA terġa tikseb l-fiduċja tan-nies u sabiex il-ħidma tagħha tkun aktar effiċjenti . Dawn jinkludu:

·    s-separazzjoni ta’ l-Awtorità fi tnejn: parti li tkun risponsabbli għall-ambjent u l-oħra għall-ippjanar;

·    il-mod kif jintgħażlu l-membri tal-Bord ta’ din l-Awtorità, u lejn min ikun responsabbli dan il-Bord; u

·    li jerġgħu jkunu eżaminati l-każijiet riċenti kollha li dwarhom hemm id-dubji dwar ir-regolarità dwar kif ħarġu l-approvazzjoni tagħhom.

Il-Kummissjoni Ambjent taqbel ma’ dawn is-suġġerimenti għax tħoss li jistgħu jwasslu sabiex din l-Awtorità, li twaqqfet sabiex tkun il-kustodja tal-wirt ambjentali tagħna, tkun aktar trasparenti u responsabbli lejn il-poplu u l-parlament li jeliġġi l-istess poplu.


[1] Ara: http://www.mepa.org.mt/index.htm?organisation/missionvision/mainpage_maltese.htm&1

[2] Stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju Stampa tal-Kurja fit-22 ta’ Frar 2002 (32/2002).

[3] Stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju Stampa tal-Kurja fit-13 ta’ Marzu 2002 (40/2002).