Naħseb
li ma naf lil ħadd li jgħid li l-ambjent f'pajjiżna ma jinsabx
f'qagħda ħażina.
In-Nordiċi
jħobbu jitkellmu fuq it-temp meta ma jkollhomx xi jgħidu; aħna
nimlew l-ispazju imbarazzanti bejn żewġ persuni li ma jafux
x'se jaqbdu jgħidu lil xulxin bi stqarrijiet dwar l-ambjent u l-politika
li għal min ma jafx il-Maltin jinstemgħu tassew radikali u forsi
anki rivoluzzjonarji. Timmaġina li dak li jkun se joħroġ
mil-lift, jew jitlaq mit-tieġ lest għall-ġlied, sa l-aħħar
nifs, favur il-fidwa ta' l-ambjent naturali u l-wirt arkitettoniku Malti.
Timmaġina li dan il-poplu ta' opinjonisti kapaċi jaqleb Malta
ta' taħt fuq.
Niftakar
qisu lbieraħ iż-żmien meta kont illudejt ruħi li dawk
li jitkellmu b'passjoni dwar l-ambjent Malti se jkunu lesti jagħmlu
xi ħaġa konkreta biex iħarsuh u jsaħħuħ.
B'xorti ħażina, fuq l-ambjent il-biċċa l-kbira tal-Maltin
jitkellmu ħafna bla ma jagħmlu xejn; kieku l-Maltin huma verament attivi, kieku Malta
mhix is-sit tal-kostruzzjoni permanenti li hi. Kieku dawk li jmexxu
l-pajjiż, u dawk li jaspiraw li jmexxuh fil-ġejjieni, ma jippreżentawx
proġetti assurdi bħal dak ta' żewġ korsi tal-golf
jew il-bini ta' aktar lukandi u appartamenti fuq il-ftit art
mhux maħduma li fadlilna f'dan il-pajjiż maħnuq bin-nies
u bil-paroli.
Kieku
dawk kollha li jitbaqbqu bil-patrijottiżmu u l-imħabba lejn
pajjiżhom jitfaċċaw għall-protesti li jsiru jew iqattgħu
l-iljieli jeżaminaw proposti u jiktbu rapporti bħalma jagħmlu
l-ftit ambjentalisti kompetenti u ta' fibra morali, kieku aħna l-Maltin
inkunu kapaċi mmexxu pajjiżna ħafna aħjar milli mexxejnieh
mill-Indipendenza 'l hawn.
Meta
nipponta sebgħi lejn il-maġġoranza li titkellem u ma tagħmel
xejn, qed inqis in-nuqqas ta' impenn tiegħi wkoll. Mhux għax
qatt ma impenjajt ruħi, imma għax dejjem inħoss li nista’
nagħmel aktar; għax inħares lejn nies tassew dedikati u
nara kemm kollox jaqa’ fuq ftit nies.
Huwa
minnu li l-klassi politika Maltija, b'mod ġenerali, ma kinitx kapaċi,
jew ma kellhiex ir-rieda li tieħu d-deċiżjonijiet kuraġġużi
li kien jeħtieġ li jittieħdu f'pajjiż ċkejken
u ambjentalment "sensittiv" bħal tagħna, imma huwa
minnu wkoll li l-elettorat Malti, jiġifieri aħna lkoll, ħalla
kollox kif kien u baqa' jagħti l-fiduċja lil nies li ma poġġewx
il-ġid komuni fuq quddiem. Forsi l-elettorat Malti, minkejja l-paroli,
ma riedx, u għadu ma jridx, iwaqqaf id-distruzzjoni.
Meta
konna qed naħdmu fil-Front Kontra l-Korsa tal-Golf f'Tal-Virtu' niftakar
ċar kemm kien hemm individwi li qaluli - forsi biex iserrħu
l-kuxjenza tagħhom - li dak li konna qegħdin nagħmlu kien
għalxejn għax meta n-nies fil-poter, huma min huma, jieħdu
d-deċiżjoni, ħadd ma jista' jdawwarha, anki jekk ikollu
mitt elf raġun. Safrattant, il-korsa tal-golf f'Tal-Virtu', ma saritx...
Adrian
Grima
26th September 2006
|